Arkivji storiċi

Preżentazzjoni

Skont il-leġiżlazzjoni adottata fl-1983, fl-2003 u fl-2015, dwar il-ftuħ lill-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet Ewropej huma obbligati jistabbilixxu l-arkivji storiċi tagħhom u jiżguraw il-ftuħ tagħhom lill-pubbliku.
F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiddepożita l-arkivji tagħha fl-Istitut Universitarju Ewropew (IUE) ta' Firenze u li għaldaqstant tqegħedhom għad-dispożizzjoni tar-riċerkaturi universitarji, tal-istudjużi tal-istorja u, b'mod iktar ġenerali, taċ-ċittadini tal-Unjoni.
Il-kuntest leġiżlattiv li jirregola t-trasferiment tal-arkivji storiċi lejn l-IUE ta' Firenze u l-modalitajiet ta' aċċess għall-pubbliku huwa ddefinit permezz tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-10 ta' Ġunju 2014, dwar id-depożitu tal-arkivji storiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi ħdan l-arkivji storiċi tal-Unjoni Ewropea (l-Istitut Universitarju Ewropew).

Il-persuni interessati huma wkoll mitluba jikkonsultaw il-paġna tal-Arkivji Storiċi tal-Unjoni Ewropea.

Liema huma d-dokumenti kkonċernati?

L-arkivji storiċi huma komposti minn dokumenti prodotti jew riċevuti mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tat-twettiq tal-funzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li jkunu ntgħażlu għal konservazzjoni permanenti u li jkollhom iktar minn tletin sena.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tagħti aċċess mhux biss għad-dokumenti ta' natura amministrattiva, iżda wkoll għall-arkivji ta' natura ġudizzjarja. L-arkivji storiċi kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma aċċessibbli huma inklużi fl-inventarju tal-Arkivji Storiċi tal-Unjoni Ewropea (ASUE). L-aċċessibbiltà għall-arkivji storiċi hija madankollu suġġetta għal eżami minn qabel tat-talba.

Lil min għandek tindirizza?

Huwa possibbli li l-aċċess għal fajl jew għal diversi fajls tal-arkivji storiċi jintalab permezz tal-kaxxa postali elettronika funzjonali tal-Arkivji Storiċi tal-Unjoni Ewropea. It-talba għal aċċess tiġi eżaminata fid-dettall, fid-dawl, pereżempju, tal-protezzjoni tal-ħajja privata, tal-interessi kummerċjali u tas-sigriet tad-deliberazzjonijiet. Għaldaqstant, it-terminu għall-ipproċessar tat-talba jista' jvarja skont il-kumplessità jew il-volum tal-fajl.

Kif għandek tikkonsulta l-arkivji?

Fil-każ li l-aċċess jiġi awtorizzat, il-persuna li tressaq it-talba jkollha l-possibbiltà tikkonsulta d-dokumenti, bla ħlas, fl-Istitut Universitarju Ewropew (IUE) ta' Firenze. Għal iktar dettalji dwar il-modalitajiet ta' konsultazzjoni, il-persuni interessati huma mistiedna jikkonsultaw id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Ġunju 2014, imsemmija iktar 'il fuq.

Informazzjoni u kuntatt

Għal kull informazzjoni addizzjonali, jista' jintbagħat messaġġ elettroniku lid-dipartiment responsabbli għall-ġestjoni tal-arkivji storiċi fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.