Mur għall-kontenut ewlieni

Statistika ġudizzjarja tal-Qorti Ġenerali - 2023

Ara l-istatistika tal-Qorti Ġenerali 

Kummenti fuq l‑istatistika tal‑Qorti Ġenerali tas‑sena 2023

Minn Vittorio Di Bucci, Reġistratur tal-Qorti Ġenerali

Għall-ewwel darba sa mill-bidu tal-kariga tiegħi fil‑5 ta’ Ġunju 2023, għandi l-unur nikteb il-kummenti dwar l-istatistika annwali dwar l-attività ġudizzjarja. Bħall-predeċessur tiegħi Emmanuel Coulon, nemmen li l-eżerċizzju huwa essenzjali sabiex tiġi indikata l-evoluzzjoni tal-kontenzjuż, jiġu evalwati ċerti konsegwenzi tal-attività leġiżlattiva, regolamentari u deċiżjonali tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni Ewropea u jiġu evalwati l-effetti tal-għażliet magħmula mill-Qorti Ġenerali.

Sabiex l-istatistika tas-sena 2023 tkun tista’ tinqara b’mod korrett, jeħtieġ li tiġi indikata mill-ewwel serje ta’ 404 kawżi ġodda f’Ottubru 2023 (T‑620/23 sa T‑1023/23), li huma essenzjalment identiċi, peress li r-rikorsi jirrigwardaw l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni komplementari volontarja tal-Membri tal-Parlament Ewropew u li jaqgħu taħt il-qasam “Dritt Istituzzjonali” (ara t-Tabella Nru 4, iktar ’il quddiem). Din is-serje kellha impatt enormi fuq in-numru ta’ kawżi ġodda, li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Qorti Ġenerali jaqbżu l-elf u jammontaw għal 1271. Jekk dawn il-kawżi, li ġew magħquda, kienu magħduda bħala kawża waħda, in-numru ta’ rikorsi ġodda jkun ta’ 868 kawża u jinsab f’livell qrib dak tas-snin preċedenti (904 fl‑2022, 882 fl‑2021 u 847 fl‑2020).

I. Kawżi ġodda: l‑ewwel kawżi li jikkonċernaw ir-regolazzjoni tas-swieq diġitali u ċerti varjazzjonijiet f’materji oħra

Kontenzjuż ġdid dwar ir-regolazzjoni tas-swieq u s-servizzi diġitali seħħ fl‑2023. Dan isegwi l-adozzjoni mill-Unjoni Ewropea tar-Regolamenti dwar is-servizzi diġitali (UE) 2022/2065 (bl-Ingliż: Digital Services Act, DSA) u s-swieq diġitali (UE) 2022/1925 (bl-Ingliż: Digital Markets Act, DMA). L-ewwel wieħed jikkostitwixxi leġiżlazzjoni ġenerali tal-intermedjarji u tal-pjattaformi online, li hija implimentata kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-Kummissjoni u, f’din l-aħħar ipoteżi, tista’ tagħti lok għal rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali (tnejn fl‑2023: T‑348/23, Zalando vs Il‑Kummissjoni u T‑367/23, Amazon Services Europe vs Il‑Kummissjoni). It-tieni hija leġiżlazzjoni li hija speċifikament immirata lejn gruppi diġitali kbar billi timponi fuqhom obbligi marbuta man-nomina tagħhom bħala “gwardjani”. Hija l-Kummissjoni, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, li għandha tinnomina dawn il-gruppi u tapplikalhom dawn ir-regoli. Tliet rikorrenti diġà ppreżentaw erba’ rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jikkontestaw deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċedura ta’ nomina bħala gwardjan (Kawżi T‑1077/23, Bytedance vs Il‑Kummissjoni, T‑1078/23, Meta vs Il‑Kummissjoni u T‑1079/23 u T‑1080/23, Apple vs Il‑Kummissjoni). Ġew implimentati miżuri ta’ organizzazzjoni interna sabiex il-Qorti Ġenerali titħejja għal dan il-kontenzjuż il-ġdid, kif ukoll għal rikorsi li jistgħu jikkonċernaw innovazzjoni leġiżlattiva oħra, ir-Regolament dwar is-sussidji barranin (UE) 2022/2560. Abbażi ta’ dawn il-miżuri, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li temenda d-deċiżjoni dwar il-kriterji ta’ assenjazzjoni tal-kawżi lill-awli (ĠU 2023, C 286, p. 2).

Fil-kuntest tal-oqsma tradizzjonali tal-kontenzjuż tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiġi kkonstatata żieda żgħira fl-oqsma tas-servizz pubbliku (82 kawża meta mqabbla ma’ 66 fl‑2022) u tal-proprjetà intellettwali (310 meta mqabbla ma’ 270 fl‑2022).

Il-kontenzjuż tal-miżuri restrittivi kompla jikkontribwixxi għall-attività tal-Qorti Ġenerali, iżda sa ċertu punt kien inqas milli fl‑2022. Tressqu 63 kawża ġdida fl‑2023 meta mqabbla ma’ 103 fl‑2022. Il-kawżi l-ġodda f’dan il-qasam jikkonċernaw fil-parti l-kbira tagħhom (41 kawża minn 63) is-serje ta’ miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fl‑2022 fir-rigward ta’ persuni fiżiċi u ta’ entitajiet fil-kuntest tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina. F’diversi kawżi pendenti li jikkonċernaw għall-parti l-kbira miżuri restrittivi, ir-rikorrenti adattaw ir-rikors tagħhom bis-saħħa tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti sabiex jikkontestaw it-tiġdid jew l-emenda tal-miżuri li jikkonċernawhom, minflok ma kkontestaw dawn id-deċiżjonijiet permezz ta’ rikors ġdid. Din it-teknika għandha l-vantaġġ li l-eżami ta’ diversi atti jiġi kkonċentrat fil-kuntest tal-istess kawża, iżda ttaqqal il-kontenzjuż u tikkomplika l-ġestjoni, speċjalment meta l-adattament tar-rikors isir waqt it-tħejjija għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali jew matulha. Il-Qorti Ġenerali għandha l-intenzjoni li temenda r-Regoli tal-Proċedura tagħha fuq dan il-punt, sabiex tipprevedi li l-adattament tar-rikors jiġi ppreżentat f’terminu qasir wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiftaħ il-proċedura orali. Dan jippermetti li tinżamm ċerta flessibbiltà fir-rigward tas-sistema kontenzjuża tal-prorogi u tal-emendi tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, filwaqt li jiġu llimitati l-inkonvenjenzi li l-Qorti Ġenerali tiltaqa’ magħhom attwalment.

Il-kawżi li jaqgħu taħt il-politika ekonomika u monetarja, qasam li jinkludi b’mod partikolari d-dritt bankarju, komplew jiżdiedu kull sena u laħqu ċ-ċifra ta’ 56 kawża ġdida mressqa fl‑2023. Peress li l-parti l-kbira ta’ dawn il-kawżi jikkonċernaw il-kontribuzzjonijiet annwali tal-banek għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u li l-perijodu ta’ kontribuzzjoni inizjali ta’ tmien snin wasal fl-aħħar, din iċ-ċifra tista’ tonqos fis-snin li ġejjin.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, iż-żieda ċirkustanzjali fin-numru ta’ rikorsi fl‑2022 (68 kawża ġdida) ma ġietx ikkonfermata fl‑2023. L-attività mġedda f’dan il-qasam kienet marbuta mal-preżentata fl‑2022 ta’ diversi rikorsi li kkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Portugall favur iż-żona ħielsa ta’ Madeira, prova li l-attività tal-Qorti Ġenerali tiddependi mill-atti adottati mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni Ewropea u mill-kontestazzjoni tal-legalità ta’ dawn l-atti. L-għaxar kawżi ġodda rreġistrati f’dan il-qasam fl‑2023 jikkostitwixxu l-iktar ċifra baxxa minn meta l-Qorti Ġenerali saret kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi tal-individwi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fl‑1993.

Fl-aħħar nett, il-kawżi fil-qasam tal-kompetizzjoni għadhom jinsabu f’livell storikament baxx, bi 13‑il kawża ġdida fl‑2023.

II. Data f’ċifri li jirriflettu l‑attività tal‑Qorti Ġenerali

B’904 kawżi magħluqa matul is-sena, il-Qorti Ġenerali għamlet aħjar mill-medja tal-aħħar snin. Hija waslet ukoll sabiex tnaqqas l-istokk ta’ kawżi pendenti, peress li l-kawżi magħluqa jaqbżu l-kawżi l-ġodda b’36 kawża, jekk il-grupp ta’ 404 kawżi essenzjalment identiċi jingħadd bħala kawża waħda. Fuq din il-bażi, l-1438 kawża pendenti fil‑31 ta’ Diċembru 2023 jinkludu titjib żgħir meta mqabbel mal‑1474 li kien hemm sena qabel. Dan il-progress jista’ jiżdied fl‑2024, meta l-Qorti Ġenerali għandha tkun f’pożizzjoni li tagħlaq ċerti gruppi kbar ta’ kawżi. Dan jidher li jikkonferma li l-Qorti Ġenerali tista’ tassorbi t-trasferiment ta’ ċerti kompetenzi fil-qasam tad-domandi preliminari, previst għall-ħarifa tal‑2024, u b’hekk tnaqqas l-ammont ta’ xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Ta’ min jinnota li:

  • kważi 14 % (13.61 %) tal-kawżi nqatgħu minn kulleġġi ġudikanti estiżi għal ħames Imħallfin, li jikkonferma x-xejra ta’ żieda fir-rinviji għal kulleġġ ġudikanti estiż diġà kkonstatata fl‑2022 (12 %; 123 kawża nqatgħu minn kulleġġ ġudikanti estiż fl‑2023 meta mqabbla ma’ 100 fl‑2022). Il-kulleġġi estiżi jaqtgħu fil-parti l-kbira sentenzi, iżda l-adozzjoni ta’ digrieti ma hijiex eskluża (għaxra fl‑2023, tmienja fl‑2022);
  • 79 % tal-kawżi ngħalqu minn kulleġġi ġudikanti ta’ tliet Imħallfin meta mqabbla ma’ 82 % fl‑2022. Dan it-tnaqqis jista’ jiġi spjegat mir-rinviju iktar frekwenti lejn kulleġġ ġudikanti estiż, kif spjegat iktar ’il fuq;
  • kawża ngħalqet mill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet bħala Awla Manja wara r-rinviju tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ddeċidiet fl-appell, quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawża T‑65/18 RENV, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela);
  • disa’ kawżi ġew deċiżi minn Imħallef uniku (tmien sentenzi, digriet wieħed), meta mqabbla ma’ tnejn fl‑2022 u tlieta fl‑2021;
  • in-numru ta’ talbiet għal miżuri provviżorji mressqa żdied bi ftit (41 fl‑2023 meta mqabbla ma’ 37 fl‑2022), l-istess bħal dak tal-proċeduri għal miżuri provviżorji magħluqa (40 fl‑2023 kontra 37 fl‑2022);
  • 59 % tal-kawżi magħluqa fl‑2023 kienu permezz ta’ sentenza u 41 % permezz ta’ digriet. 66 % tal-kawżi magħluqa permezz ta’ sentenza saru b’seduta għas-sottomissjonijiet orali.

In-numru ta’ seduti għas-sottomissjonijiet orali żdied sostanzjalment (286 seduta meta mqabbla ma’ 241 fl‑2022 u 240 fl‑2021), għal 419‑il kawża li fihom tressqu sottomissjonijiet orali (303 fl‑2022 u 290 fl‑2021). Ta’ min jinnota li fl‑2023 ġew organizzati għaxar seduti komuni li jkopru total ta’ 70 kawża li fihom tressqu sottomissjonijiet orali. Il-possibbiltà li tiġi organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni għal diversi kawżi li ma jkunux magħquda hija prevista fl-Artikolu 106a tar-Regoli tal-Proċedura mill‑1 ta’ April 2023. Seduta waħda komuni kopriet total ta’ 42 kawża li fihom hekk tressqu sottomissjonijiet orali (fil-grupp ta’ Kawżi T‑700/13, Caixabank et vs Il‑Kummissjoni, dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata minn Spanja favur ċerti gruppi ta’ interess ekonomiku u l-investituri tagħhom fil-forma ta’ sistema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għax-xiri ta’ bastimenti, imsejħa wkoll is-“sistema Spanjola ta’ leasing fiskali”).

Ma saret l-ebda seduta b’videokonferenza matul is-sena minkejja li daħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar l-użu ta’ dan id-dispożittiv fl‑1 ta’ April 2023. Għalkemm din il-possibbiltà kienet inizjalment miftuħa meta parti kienet prekluża milli tmur fil-bini tal-Qorti Ġenerali minħabba s-sitwazzjoni ta’ kriżi sanitarja kkawżata mill-pandemija tal-Covid‑19, l-Artikolu 107a tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi issa li parti tista’ tagħmel talba għal dan minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew raġunijiet serji oħra (pereżempju, strajk fis-settur tal-ajru) li jipprekludu lir-rappreżentant milli jipparteċipa fiżikament fis-seduta. Dan l-iżvilupp huwa spjegat mit-tmiem tal-pandemija.

It-tul medju tal-istanza żdied bi ftit. Dan tela’ għal 18.2 xhur fl‑2023 għall-kawżi magħluqa permezz ta’ sentenza jew permezz ta’ digriet (meta mqabbla ma’ 16.2 xhur fl‑2022 u 17.3 xhur fl‑2021) u għal 21 xahar (meta mqabbla ma’ 20.4 fl‑2022 u 20.3 fl‑2021) meta jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kawżi magħluqa permezz ta’ sentenza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li t-tul medju tal-istanza f’din l-aħħar kategorija jvarja bejn tul medju ta’ 37.1 xahar għall-kawżi tad-dritt tal-kompetizzjoni jew 34.1 xahar għal kawżi ta’ għajnuna mill-Istat u 13.7 xhur għal kawżi dwar proprjetà intellettwali. L-għeluq ta’ diversi kawżi jew gruppi ta’ kawżi kumplessi, b’mod partikolari fl-oqsma tal-għajnuna mill-Istat u tal-kompetizzjoni, ikkontribwixxa għal żieda fit-tul tal-kawżi.

Mill‑1841 kawża pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Diċembru 2023 (ċifra netta, li tinkludi 404 rikorsi identiċi), 29 % jikkonċernaw id-dritt istituzzjonali (kif indikat iktar ’il fuq, l‑404 kawżi ċċitati iktar ’il fuq jagħmlu parti mill‑543 kawża pendenti fil‑31 ta’ Diċembru 2023 li jaqgħu taħt dan il-qasam), 13 % jaqgħu taħt il-politika ekonomika u monetarja u 9.5 % jikkonċernaw għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tal-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ speċjalizzazzjoni fi ħdan il-Qorti Ġenerali, il-proprjetà intellettwali tirrappreżenta 18 % tal-kawżi pendenti u s-servizz pubbliku 6 % ta’ dawn il-kawżi, perċentwali li jibqgħu stabbli meta mqabbla mas-sena preċedenti. Fir-rigward tal-kulleġġi ġudikanti, għandu jiġi nnotat użu ikbar mill-Awla Manja, b’sitt kawżi pendenti quddiem dan il-kulleġġ fi tmiem l‑2023, li jaqgħu taħt żewġ gruppi, wieħed dwar il-Fondi għall-irkupru u għar-reżiljenza u l-ieħor dwar miżuri restrittivi.

III. Punti ewlenin tas‑sena 2023 u prospetti

Fl‑2023, il-Qorti Ġenerali segwiet il-politika tagħha ta’ ġestjoni proattiva tal-kawżi u ħadet miżuri ġodda għat-trattament ta’ kawżi kbar ħafna u ta’ gruppi kbar ta’ kawżi mill-mument tar-reġistrazzjoni tagħhom. Dawn il-miżuri għandhom jiffaċilitaw ukoll it-tkomplija ta’ ċerti gruppi ta’ kawżi li kienu ġew sospiżi sakemm jiġu ttrattati, fl-appell, kawżi identifikati bħala piloti. L-għanijiet segwiti huma r-razzjonalizzazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri fil-kawżi l-iktar kumplessi, li ser jiġu attribwiti lill-awli u lill-imħallfin relaturi skont kriterji speċifiċi, ser ikunu s-suġġett ta’ skeda indikattiva, li għandha tiġi rriveduta skont l-evoluzzjoni tal-proċedura, u jistgħu jibbenefikaw minn riżorsi ikbar, kif ukoll minn trattament prijoritarju mill-grupp tal-qarrejja ta’ sentenzi u mid-dipartimenti ta’ traduzzjoni.

Ix-xogħlijiet ta’ preparazzjoni għat-trasferiment parzjali tal-kompetenza sabiex jiġu deċiżi talbiet għal deċiżjoni preliminari ħadu ritmu sostnut matul is-sena u ser ikomplu fl‑2024. Dawn jinkludu b’mod partikolari l-adattament tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tar-Regoli tal-Proċedura (Regoli tal-Proċedura, Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni u testi sekondarji). Ftehim politiku dwar ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal seta’ jintlaħaq fis‑7 ta’ Diċembru 2023 u ġie kkonfermat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Qorti Ġenerali fasslet abbozz ta’ emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tagħha li, wara l-qbil tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser jintbagħat lill-Kunsill fil-bidu tal‑2024 għall-approvazzjoni tiegħu. It-testi l-oħra, li essenzjalment jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali biss, ukoll qegħdin jitħejjew. Lil hinn mill-emenda tar-regoli proċedurali, huma neċessarji attivitajiet kunsiderevoli ta’ adattament tal-istrutturi, tal-metodi u tal-flussi tax-xogħol jew tal-għodda tal-informatika, kif ukoll taħriġ tal-persunal sabiex il-Qorti Ġenerali u r-reġistru tiegħu jkunu jistgħu jaffrontaw b’suċċess il-wasla tal-ewwel talbiet għal deċiżjoni preliminari, previsti għall-aħħar trimestru tal‑2024.

Il-modernizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja, li jikkontribwixxi għall-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja Ewropea, hija wkoll fil-qalba tal-attività tal-Qorti Ġenerali. Mal-miżuri meħuda matul is-snin preċedenti sabiex jiġi ddiġitalizzat il-proċess ġudizzjarju kollu, mill-preżentata tal-atti, bħala prinċipju obbligatorju, bl-applikazzjoni e‑Curia għall-firma elettronika tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, jiżdiedu x-xogħlijiet imwettqa mill-Istituzzjoni bl-għan li tinħoloq sistema integrata ta’ ġestjoni tal-kawżi (SIGA) u dawk li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tamministra l-wasla tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari fl‑2024.

IV. L‑attività tar‑reġistru tal‑Qorti Ġenerali: dawl fuq attività dejjem sostnuta

L-attività dejjem sostnuta mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali jistħoqqilha attenzjoni partikolari.

Inqabżu diversi limiti u matul is-sena nkisru diversi rekords:

  • il-limitu ta’ 20 000 kawża ġdida quddiem il-Qorti Ġenerali sa mill-ħolqien tagħha, bir-reġistrazzjoni tal-Kawża T‑1148/23, PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, ippreżentata fit‑8 ta’ Diċembru 2023;
  • dik tal-1 000 kawża ġdida matul is-sena (1 271 kawża). Il-preżentata ta’ 404 kawżi identiċi, iċċitati iktar ’il fuq, ma żżidx b’mod sinjifikattiv l-ammont ta’ xogħol tal-kulleġġi ġudikanti, iżda kellha impatt kunsiderevoli fuq l-attività tar-Reġistru, li pproċeda bir-reġistrazzjoni tagħhom, bin-notifika tagħhom, bil-pubblikazzjoni tal-avviżi fil-Ġurnal Uffiċjali u pprepara t-tgħaqqid tagħhom;
  • numru rekord ta’ atti proċedurali rreġistrati fir-reġistru (62 020);
  • numru rekord ta’ noti ppreżentati fir-reġistru (5 264 minbarra r-rikorsi);
  • l-iktar rata baxxa ta’ regolarizzazzjonijiet ta’ rikorsi promoturi (22.9 % meta mqabbla ma’ 31.96 % fl‑2022 u  41.2 % fl‑2021), riżultat li għalih ikkontribwixxew mhux biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-grupp ta’ 404 kawżi, iżda wkoll tnaqqis ta’ ċerti formalitajiet fil-kuntest tal-emenda tar-Regoli tal-Proċedura u tat-tixrid fuq is-sit Curia ta’ check‑list u ta’ mudelli indikattivi ta’ rikorsi;
  • in-numru ta’ paġni ppreżentati permezz tal-applikazzjoni e‑Curia laħaq 1 762 453 paġna matul is-sena.

Ir-reġistru assista lill-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali matul 334 seduta tal-awla (352 fl‑2022 u 338 fl‑2021) u 286 seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Barra minn hekk, 94 % tal-atti jiġu ppreżentati f’format elettroniku bl-applikazzjoni e‑Curia, li l-użu tagħha sar obbligatorju fl‑1 ta’ Diċembru 2018, ħlief għal xi eċċezzjonijiet. Fl‑2023, dawn l-atti ppreżentati rrappreżentaw volum ta’ kważi żewġ miljun paġna (1 762 453 paġna). Għandu jiġi nnotat li l-użu tal-applikazzjoni e‑Curia ma huwiex ser ikun obbligatorju fil-kuntest tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, iżda ser jiġi nkoraġġit bil-qawwa minħabba l-vantaġġi li din għandha għall-qrati nazzjonali, għall-persuni kkonċernati u għall-Qorti Ġenerali.

 

Ara wkoll

Kummenti fuq l‑istatistika dwar l‑attività tal‑Qorti Ġenerali fl‑2022 

L-istatistika ġudizzjarja ta' bosta snin preċedenti, jistgħu jiġu wkoll ikkonsultati fis-sit Curia, fil-parti "Storika".