Imwieled fl‑1963 fi Plungė (il-Litwanja), Virgilijus Valančius kiseb diploma fid-dritt mill-Vilniaus universitetas (l-Università ta’ Vilnjus, il-Litwanja) fl‑1986 kif ukoll dottorat fid-dritt mill-Mykolo Romerio universitetas (l-Università Mykolas Romeris, il-Litwanja) fl‑2000. Fl‑2008 ppreżenta l-proċedura li wasslet għall-għoti tal-warrant mill-Mykolo Romerio universitetas (l-Università Mykolas Romeris), li tagħtu dan it-titolu fl‑2008.
Fl‑1986, V. Valančius beda l-karriera professjonali tiegħu bħala prosekutur pubbliku, funzjoni li huwa eżerċita sal‑1990. Mill‑1991 sal‑1994, huwa mbagħad daħal fis-servizz tal-maġistratura ta’ pajjiżu bħala mħallef u sussegwentement, mill‑1993 sal‑1994, bħala Viċi President tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Vilnjus, il-Litwanja). Bejn l‑1995 u l‑2002, huwa nħatar imħallef fil-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja), li tagħha huwa ppresjieda wkoll l-Awla Ċivili. Bejn l‑2002 u l‑2013, huwa serva bħala mħallef fil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), li tagħha kien President mill‑2002 sal‑2008.
Mill‑1997, V. Valančius iddedika ruħu wkoll għat-tagħlim bħala lettur fil-Vilniaus universitetas (l-Università ta’ Vilnjus). Barra minn hekk, għallem fil-Mykolo Romerio universitetas (l-Università Mykolas Romeris) bħala lettur mill‑1998 sal‑2000, u sussegwentement bħala professur assoċjat mill‑2000 sal‑2008. Bejn l‑2002 u l‑2006, inħatar kap tad-dipartiment tal-proċedura ċivili, u nħatar professur mill‑2008.
Mill‑2006 sal‑2008, ippresjeda l-Association européenne des magistrats (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Maġistrati, AEM) u eżerċita l-funzjonijiet ta’ Viċi President tal-Union internationale des magistrats (l-Unjoni Internazzjonali tal-Maġistrati, UIM) mill‑2006 sal‑2014. Barra minn hekk, huwa membru tal-Conseil consultatif de juges européens (il-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej, CCJE) mill‑2000 sal‑2014, u serva f’din il-kapaċità fil-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Association des Conseils d’État et des juridictions administratives suprêmes de l’Union européenne (l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Qrati Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea, ACA-Europe) mill‑2010 sal‑2013. Barra minn hekk, huwa membru tal-Kumitat Konsultattiv tal-Académie de droit européen (Akkademja tad-Dritt Ewropew, ERA) bejn l‑2008 u l‑2011.
Imħallef fil-Qorti Ġenerali mit-13 ta’ April 2016 sal-27 ta’ Settembru 2023.