Mur għall-kontenut ewlieni

Tfittxija

Rizultati 0 - 25 minn 185 ghal " "
fir-rizultati fis-sit kollu tfittxija avvanzata

Imqassma skont: Rilevanza | Data | Titolu
Marko Bošnjak
Marko Bošnjak
Imħallef
Bijografija u karriera

Imwieled fl‑1974 f’Ljubljana (is-Slovenja), Marko Bošnjak kompla l-istudji universitarji tiegħu fl-Univerza v Ljubljani (l-Università ta’ Ljubljana, is-Slovenja), fejn l-ewwel kiseb diploma fid-dritt fl‑1996, imbagħad master fid-dritt fl‑1999, qabel ma kiseb dottorat fid-dritt fl‑2002. Huwa għadda mill-eżami ġudizzjarju tal-Istat fl‑2002.

Il-karriera professjonali tiegħu bdiet fl‑1996 fi ħdan l-istitut tal-kriminoloġija tal-Fakultà tal-liġi ta’ din l-istess università, fejn eżerċita suċċessivament il-funzjonijiet ta’ assistent riċerkatur mill‑1996 sal‑2002, ta’ riċerkatur assoċjat mill‑2002 sal‑2006, u sussegwentement dawk ta’ riċerkatur assoċjat prinċipali u ta’ president tal-bord xjentifiku mill‑2006 sal‑2008. M. Bošnjak iddedika ruħu wkoll għat-tagħlim tad-dritt bħala assistent professur fil-Fakultà tax-Xjenzi Soċjali tal-Univerza v Ljubljani mill‑2006 sal‑2011. Sussegwentement, mill‑2011, huwa għallem f’din l-istess pożizzjoni d-dritt tal-proċedura kriminali fl-Evropska pravna Fakulteta Nove Univerze (il-Fakultà Ewropea tal-Liġi tal-Università l-Ġdida, is-Slovenja), fejn, fl‑2012, huwa sar professur assoċjat, titolu li żamm sal‑2022.

Fl-istess ħin, mill‑2002, M. Bošnjak eżerċita l-funzjoni ta’ konsulent indipendenti sal‑2006, imbagħad dik ta’ konsulent prinċipali sal‑2008 mal-Ustavno sodišče Republike Slovenije (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja). Bejn l‑2008 u l‑2016, huwa ngħaqad ma’ uffiċċju ta’ avukati Sloven, l-ewwel bħala avukat stagiaire u avukat, imbagħad, mill‑2012, bħala soċju. Huwa eżerċita fil-qasam tad-dritt kriminali, u ħa f’idejh it-tmexxija tad-dipartiment tad-dritt kostituzzjonali u internazzjonali tal-uffiċċju.

Fl‑2016, M. Bošnjak inħatar Imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), fejn fl‑2022 sar president ta’ sezzjoni u viċi president. Fl‑2024, huwa ġie elett President tal‑QEDB, funzjoni li huwa eżerċita sal‑2025.

M. Bošnjak huwa l-awtur ta’ numru ta’ pubblikazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma tad-dritt kriminali, tal-proċedura kriminali, tad-drittijiet tal-bniedem, tad-dritt kostituzzjonali, tad-dritt internazzjonali u tal-kriminoloġija.

M. Bošnjak huwa Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja mis‑16 ta’ Ġunju 2025.

Affiljazzjonijiet ma’ fondazzjonijiet, organi jew stabbilimenti fl-oqsma legali, kulturali, artistiċi, soċjali, sportivi jew ta’ karità
  • Membru tal-kumitat għall-ħatra ta’ Thomas Reuters Founders’ Share Company (TRFSC)
  • Membru tal-kumitat editorjali tar-rivista legali “Pravna praksa”
  • Membru tal-European Law Institute (ELI)
Rimvydas Norkus
Rimvydas Norkus
Avukat Ġenerali
Bijografija u karriera

Imwieled fl‑1979 fi Klaipėda (il-Litwanja), Rimvydas Norkus kiseb master fid-dritt mill-Vilniaus universitetas (l-Università ta’ Vilnjus, il-Litwanja) fl‑2001. Sussegwentement beda studji ta’ dottorat fid-dritt fil-Mykolo Romerio universitetas (l-Università Mykolas Romeris, il-Litwanja) u ddefenda t-teżi tiegħu fl‑2005.

Huwa beda l-karriera professjonali tiegħu bħala assistent legali fil-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) mill‑1999 sal‑2000, u huwa fi ħdan din il-qorti li assuma, mill‑2000 sal‑2003, il-funzjonijiet ta’ konsulent tal-President. Bejn l‑2003 u l‑2009, inħatar direttur tad-dipartiment tal-prassi ġudizzjarja tal-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja).

Mill‑2009 sal‑2010, kien ġurista lingwista fil-Parlament Ewropew qabel ma rritorna lura pajjiżu sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ direttur tad-dipartiment tar-riċerka legali mal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) mill‑2010 sal‑2012. Huwa nħatar imħallef fil-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) mill‑2012 sal‑2013 u sussegwentement serva għal sena fil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), qorti li huwa ppresjeda mill‑2014 sal‑2019. Barra minn hekk, kien President tal-Lietuvos Teisėjų taryba (il-Kunsill għall-Ġudikatura tal-Litwanja) mill‑2016 sal‑2018.

Mill‑2007 sal‑2008, Rimvydas Norkus iddedika ruħu wkoll għat-tagħlim bħala professur assoċjat mal-Mykolo Romerio universitetas (l-Università Mykolas Romeris), li l-Istitut tad-Dritt Privat tagħha laqgħatu bħala professur mill‑2012 sal‑2019. Huwa wkoll l-awtur ta’ numru ta’ pubblikazzjonijiet legali.

Affiljazzjonijiet ma’ fondazzjonijiet, organi jew stabbilimenti fl-oqsma legali, kulturali, artistiċi, soċjali, sportivi jew ta’ karità
  • Membru tal-Kumitat Konsultattiv tal-Europäische Rechtsakademie (ERA) (2020 2023)
  • Membru tal-Kunsill Konsultattiv tar-rivista ERA Forum
  • Membru tal-assoċjazzjoni “The Conference on European Restructuring and Insolvency Law”
  • Membru tal-INSOL Europe Association
Titoli u distinzjonijiet onorarji
  • Mogħti s-salib ta’ uffiċjal tal-ordni tal-Gran Duka Gediminas għall-kontribuzzjoni sinjifikattiva tiegħu għall-perfezzjonament tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali u għall-iżvilupp tax-xjenzi ġuridiċi (2018)
  • Membru onorarju tal-Fakultà tal-Liġi tal-Mykolo Romerio universitetas (2019)
Laila Medina
Laila Medina
Avukata Ġenerali
Bijografija u karriera

Imwielda fl-1971 f’Jelgava (il-Latvja), Laila Medina studjat fl-IMO International Maritime Law Institute (l-Istitut tad-Dritt Marittimu Internazzjonali, Malta) u hemm kisbet master fid-dritt marittimu internazzjonali fl-1995. Sussegwentement, fl-2002, hija kisbet master fid-dritt tal-Unjoni fir-Rīgas Juridiskā augstskola (il-Kulleġġ Ogħla tad-Dritt ta’ Riga, il-Latvja).

Mill-1995, daħlet fid-Dipartimenti tal-Ministru għat-Trasport bħala kap tad-Diviżjoni Ġuridika u direttriċi supplimentari tad-Dipartiment Marittimu. Hija eżerċitat il-funzjonijiet tagħha hemm sal‑2002, is-sena tan-nomina tagħha, fi ħdan dan il-ministeru, ta’ pożizzjoni ta’ kunsillier tas-segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej.

Mill-2004 sal-2005, Laila Medina okkupat il-pożizzjoni ta’ kap supplimentari tal-Uffiċċju tal-Affarijiet Ewropej fil-Kanċellerija tal-Istat tar-Repubblika tal-Latvja.

Fl-2005, hija ngħaqdet mad-dipartimenti tal-Ministeru għall-Ġustizzja Latvjan bħala direttriċi tad-Dipartiment tal-Pjanifikazzjoni tal-Politiki. Mill-2006, hija assumiet fil-funzjonijiet ta’ segretarju tal-Istat fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Supplimentari għall-Politika Settorjali, sussegwentement dawk ta’ segretarju tal-Istat Supplimentari għall-Politika Ġuridika mill-2009 sal-2021.

Il-karriera ta’ Laila Medina inkludiet ukoll attivitajiet ta’ tagħlim. Bejn l-1998 u l-2006, hija kienet responsabbli għall-kors tad-dritt Ewropew u d-dritt istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea fil-Valsts administrācijas skola (il-Kulleġġ ta’ Amministrazzjoni Pubblika, il-Latvja). Fl-2012, hija tat ukoll taħriġ lill-membri tal-ġudikatura u lin-nutara dwar ir-Regolament Ruma III. Fl-aħħar nett, mill-2008, hija kienet membru tal-Kunsill tal-Fakultà tal-Liġi tal-Biznesa augstskola Turība (il-Kulleġġ Ogħla tal-Kawżi “Turība”, il-Latvja).

Laila Medina ġiet innominata Avukata Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2021.

Affiljazzjonijiet ma’ fondazzjonijiet, organi jew stabbilimenti fl-oqsma legali, kulturali, artistiċi, soċjali, sportivi jew ta’ karità
  • Membru tal-bord ta’ amministrazzjoni tal-Eiropas Savienības tiesību asociācija
  • Membru fundatur tal-Association of European Competition Law Judges
  • Membru tal-kumitat konsultattiv tal-e Competitions Bulletin
Titoli u distinzjonijiet onorarji
  • Midalja tad-deheb tat-tielet klassi tas-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika tal-Latvja: għall-eżerċizzju eżemplari, onest u innovattiv tal-funzjonijiet uffiċjali fil-qasam tal-ġustizzja u għall-iżvilupp tal-konoxxenzi u tal-professjonaliżmu tal-persuni li huma parti mis-sistema ġudizzjarja (2011)
Bernardus (Ben) Maria Polycarpus Smulders
Bernardus (Ben) Maria Polycarpus Smulders
Imħallef
Bijografija u karriera

Imwieled fl‑1960 f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), Bernardus (Ben) Maria Polycarpus Smulders kiseb master fid-dritt fl-Universiteit Leiden (l-Università ta’ Leiden, il-Pajjiżi l-Baxxi) fl‑1983. Huwa kompla l-istudji tiegħu fil-London School of Economics and Political Science (l-Iskola tal-Ekonomija u Xjenza Politika ta’ Londra, ir-Renju Unit) u hemm kiseb master fid-dritt fl‑1984. Fl‑2010 segwa taħriġ fil-London Business School (l-Iskola tan-Negozju ta’ Londra, ir-Renju Unit), fl‑2011 fl‑INSEAD Fontainebleau (Franza) u fl‑2018 fl-iStanford Business School (l-Iskola tan-Negozju ta’ Stanford, l-Istati Uniti).

Fl‑1985, B. Smulders beda l-karriera professjonali tiegħu bħala avukat iskritt fil-Kamra tal-Avukati ta’ Amsterdam u eżerċita dawn il-funzjonijiet sal‑1990.

Huwa ngħaqad mas-Servizz Legali tal-Kummissjoni Ewropea fl‑1991 u ħadem hemm sal‑1994 fi ħdan it-tim “Moviment liberu tal-kapital, libertà ta’ stabbiliment, libertà li jiġu pprovduti servizzi, tassazzjoni, Unjoni Doganali u Unjoni Ekonomika u Monetarja” u t-tim “Kontroll tal-għajnuna mill-Istat u antidumping”.

B Smulders kompla l-karriera tiegħu mal-Kummissjoni bħala membru tal-kabinett tal-Kummissarju inkarigat mir-Relazzjonijiet Esterni u t-Tkabbir Hans van den Broek (1995‑1999), tal-Kummissarju responsabbli għas-Suq Intern, għat-Tassazzjoni u għall-Unjoni Doganali, Frits Bolkestein (1999‑2000) u tal-President Romano Prodi (2000‑2004). Mill‑2004 sal‑2008, huwa kien kap tal-kabinett tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes, u sussegwentement konsulent legali prinċipali, bħala direttur, mat-tim “Istituzzjonijiet u Unjoni Ekonomika u Monetarja” tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni (2008‑2014). Huwa sar kap tal-kabinett tal-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans (2014‑2019), u sussegwentement konsulent legali prinċipali, bħala direttur, mat-tim “Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u Politika Kummerċjali” tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni (2020‑2022). Mill‑2022 sal‑2024, huwa kien Assistent Direttur Ġenerali fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, fejn kien responsabbli għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

Mill‑2012, huwa jeżerċita okkażjonalment funzjonijiet ta’ Mħallef supplenti fi ħdan l-awla ċivili u kummerċjali tal-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li tittratta b’mod partikolari kawżi li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-Istat fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, tad-dritt internazzjonali pubbliku jew ta’ kwistjonijiet ta’ immunità minn eżekuzzjoni ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, huwa jiddedika ruħu għal karriera universitarja, prinċipalment fid-dritt internazzjonali u Ewropew, bħala lettur tal-konferenzi fil-Fondazione Collegio Europeo di Parma (il-Kulleġġ Ewropew ta’ Parma, l-Italja) mill‑2003 kif ukoll fl-Università Paris-Panthéon-Assas (l-Università ta’ Pariġi-Panthéon-Assas, Franza) mill‑2019 u bħala professur mistieden fil-Vrije Universiteit Brussel (l-Università Libera ta’ Brussell, il-Belġju) kif ukoll fil-Collège d’Europe ta’ Bruges (il-Belġju) mill‑2013. Huwa għallem ukoll fl-Universiteit van Amsterdam (l-Università ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u fir-Radboud Universiteit Nijmegen (l-Università Radboud ta’ Nijmegen, il-Pajjiżi l-Baxxi) mill‑1994 sal‑2005. Mill‑2002 sal‑2022, B. Smulders kien membru u, sussegwentement, president tal-Curatorium tal-Europa Instituut tal-Fakultà tal-Liġi tal-Universiteit Leiden. Mill‑2008 sal‑2024, huwa kien membru tal-kumitat editorjali tal-Common Market Law Review.

Huwa l-awtur ta’ diversi xogħlijiet u artikli b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, tad-dritt istituzzjonali, tal-protezzjoni tal-Istat tad-dritt, tas-suq intern u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Ben Smulders ġie nnominat Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2024.

Octavia Spineanu-Matei
Octavia Spineanu-Matei
Imħallef
Bijografija u karriera

Imwielda fl-1967 f’Vălenii de Munte (ir-Rumanija), Octavia Spineanu-Matei kisbet il-lawrea fid-dritt mill‑Universitatea Alexandru Ioan Cuza din Iași (l-Università Alexandru Ioan Cuza, ir-Rumanija) (diploma ta’ mertu) fl-1990 u dottorat fid-dritt mill-Academia de Poliție “Alexandru Ioan Cuza” (l-Akkademja tal-Pulizija “Alexandru Ioan Cuza”, ir-Rumanija) fl-1999.

Fl-1991, hija bdiet il-karriera professjonali tagħha bħala mħallef fil-Judecătoria sectorului 4 București (il‑Qorti tal-Ewwel Istanza tar-Raba’ Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija) fejn eżerċitat il-funzjonijiet sal-1996. Mill-1996 sal-1999, hija serviet fil-kwalità ta’ mħallef fit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li tagħha kienet il-president tal-awla ċivili bejn l-1997 u l-1999. Wara li ngħaqdet mal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) bħala mħallef mill-1999 sal-2005, u bħala president tal-awla ċivili mill-1999 sal-2003, ġiet innominata mħallef fl-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) mill-2006 sal-2016.

Mill-2006 sal-2016, Octavia Spineanu-Matei ġiet innominata membru estern tal-bord estiż tal-appell tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi f’Munchen (il-Ġermanja).

Mill-1997, hija ddedikat ruħha wkoll għat-taħriġ tal-membri tal-ġudikatura u tal-awdituri tal-ġustizzja Rumeni bħala formatriċi fl-Institutul Național al Magistraturii (l-Istitut Nazzjonali tal-Ġudikatura, ir‑Rumanija), li tiegħu hija kienet ukoll membru tal-Kumitat Xjentifiku sussegwentement, mill-2011 sal-2016, direttriċi. Hija barra minn hekk ħadet sehem fil-Bord ta’ Tmexxija tal-iȘcoala Națională de Grefieri (l-Iskola Nazzjonali tar-Reġistraturi, ir-Rumanija). Mill-2012 sal-2016, hija kienet membru tal-Kunsill tal-Kulleġġ Dottorali tal-Universitatea din București (l-Università ta’ Bukarest, ir-Rumanija). Koawtriċi ta’ diversi kotba u awtriċi ta’ diversi artikli fil-qasam legali, hija pparteċipat regolarment f’konferenzi nazzjonali u internazzjonali.

Octavia Spineanu-Matei ġiet innominata Mħallef fil-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Settembru 2016. Hija eżerċitat fiha għal ħames snin qabel ma ġiet innominata Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2021.

Affiljazzjonijiet ma’ fondazzjonijiet, organi jew stabbilimenti fl-oqsma legali, kulturali, artistiċi, soċjali, sportivi jew ta’ karità
  • Membru tal-Kumitat tar-Reviżuri Esterni tar-Rivista Ġuridika EuroQuod, immexxija mill-Institutul Național al Magistraturii
  • Membru tal-Kumitat Xjentifiku Editorjali tar-Revista română de dreptul proprietății intelectuale, immexxi mill-Asociația Științifică de Dreptul Proprietății Intelectuale
  • Membru tal-Kumitat Konsultattiv tal-Akkademja tad-Dritt Ewropew (ERA)
Titoli u distinzjonijiet onorarji
  • Kavallier tal-Ordinul Național „Pentru Merit” (Ordni Nazzjonali “Għall-Mertu”) (innominata mill-President tar-Rumanija għall-merti tagħha fl-elaborazzjoni tal-ġurisprudenza u tar-riforma tal-ġustizzja) (2000)
Juliane Kokott
Juliane Kokott
Avukata Ġenerali
Bijografija u karriera

Imwielda fl‑1957 fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), Juliane Kokott studjat id-dritt fl-Universität Bonn (l-Università ta’ Bonn, il-Ġermanja) u fl-université de Genève (l-Università ta’ Genève, l-Isvizzera) mill‑1976 sal‑1982. Titolari ta’ borża ta’ studju Fulbright, hija ngħaqdet wara mal-American University, Washington DC (l‑Università Amerikana ta’ Washington DC, l-Istati Uniti) u hemm kisbet LL.M fl‑1983. Lura l-Ewropa, hija kisbet dottorat fid-dritt mill-Universität Heidelberg (l-Università ta’ Heidelberg, il-Ġermanja) fl‑1985, imbagħad mill-Harvard University (l-Università ta’ Harvard, l-Istati Uniti) fl‑1990. Barra minn hekk, fl‑1985, hija kisbet id-diploma tal-Akkademja Internazzjonali tad-Dritt Internazzjonali li għandha s-sede fit-Tuneżija.

Huwa fil-kwalità ta’ professur mistieden fil-University of California, Berkeley (l-Università ta’ California f’Berkeley, l-Istati Uniti) li Juliane Kokott bdiet il-karriera universitarja tagħha fl-1991. Hija komplietha wara fil-Ġermanja, fejn kienet professur tad-dritt pubbliku Ġermaniż u barrani, tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew fl-Universität Augsburg (l-Università ta’ Augsburg) fl-1992, fl‑Universität Heidelberg fl-1993 u fil-Heinrich-Heine-Universität Düsseldorf (l-Università Heinrich Heine ta’ Düsseldorf) mill-1994 sal-1999. Fl-1999, ingħatat katedra ta’ professur fl-Universität St. Gallen (l-Università ta’ San Gallen, l-Isvizzera), li fih hija għallmet kors tad-dritt internazzjonali, tad-dritt internazzjonali tal-kawżi, u tad-dritt Ewropew. Fl-2000, huwa fl-Istitut tad-Dritt Ewropew u Internazzjonali tal-Kawżi tal-Universität St. Gallen li ntalbet tassumi l-funzjonijiet ta’ direttur u wara, mill-2001 sal-2003, dawk ta’ direttur supplimentari tal-programm ta’ speċjalizzazzjoni fid-dritt tal-kawżi f’din l-istess università.

Hija sussegwentement ikkollaborat mal-Gvern Ġermaniż, li nnominaha, fl‑1995, imħallef supplenti fil-Qorti Internazzjonali ta’ Konċiljazzjoni u ta’ Arbitraġġ tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l‑Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Sal‑2003, hija wettqet il-funzjonijiet ta’ viċi president tal-Wissenschaftliche Beirat “Globale Umweltveränderungen” der Bundesregierung (WBGU) (il-Kumitat Konsultattiv tal-Gvern Federali fuq it-Tibdil Globali tal-Ambjent, il-Ġermanja).

Juliane Kokott ġiet innominata Avukata Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2003. Hija eżerċitat il-funzjoni ta’ Avukata Ġenerali Ewlieni mill-2006 sal-2007.

Affiljazzjonijiet ma’ fondazzjonijiet, organi jew stabbilimenti fl-oqsma legali, kulturali, artistiċi, soċjali, sportivi jew ta’ karità
  • Membru tal-Kumitat Direttiv tal-programm tal-Master tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università tal Lussemburgu
  • Fundatriċi u president (mal-professur Pasquale Pistone, IBDF) tal-Kumitat tal-Assoċjazzjoni tad-Dritt Internazzjonali (ADI) fuq id-dritt fiskali internazzjonali (fażi 1: id-drittijiet tal-kontribwent; fażi 2: rabta u sistema fiskali internazzjonali; fażi 3: applikazzjoni tad-dritt fiskali internazzjonali)
  • Membru tal-Kumitat Konsultattiv tad-Deutsche Steuerjuristische Gesellschaft (is-Soċjetà Ġermaniża tad-Dritt Fiskali), tal-Berliner Steuergespräche (l-Intervisti Fiskali ta’ Berlin) u tas-Steuerrechtswissenschaftliche Vereinigung (l-Assoċjazzjoni tad-Dritt Fiskali, Heidelberg) (Membru fundatur)
  • President tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Istitut Max Planck tad-Dritt Fiskali u tal-Finanzi Pubbliċi
  • Parteċipazzjoni fil-Programm ta’ Superviżjoni “Geh deinen Weg” tad-Deutschland Stiftung Integration u fil-programm Minerva-Femmenet (Programm ta’ Superviżjoni tas-Soċjetà Max Planck għan-Nisa Xjenzati Żgħar)
  • “Ambaxxatriċi tas-Saar”
Titoli u distinzjonijiet onorarji
  • Lawreata tad-Dr. Otto Schmidt-Preis zur Förderung der Europäisierung und Internationalisierung des Rechts (2020)
Niels Fenger
Niels Fenger
Imħallef
Bijografija u karriera

Imwieled fl‑1968 f’Kopenħagen, Niels Fenger kiseb id-diploma tiegħu fid-dritt fl‑1992 fil-Københavns Universitet (l-Università ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) u d-dottorat fid-dritt tiegħu fl‑2004 fl‑Aarhus Universitet (l-Università ta’ Aarhus, id-Danimarka).

Huwa beda l-karriera professjonali tiegħu fil-Ministeru għall-Ġustizzja Daniż, fejn okkupa l-pożizzjoni ta’ kap ta’ taqsima fl-Uffiċċju tad-Dritt tal-Unjoni Ewropea mill‑1992 sal‑1993 u fl-Uffiċċju tad-Dritt Ċivili mill‑1993 sal‑1994. Fl‑1994, huwa ngħaqad mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala référendaire fi ħdan l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Michael Bendik Elmer.

Meta rritorna d-Danimarka fl‑1995, huwa għallem, bħala riċerkatur, id-dritt amministrattiv u d-dritt tal-Unjoni fil-Københavns Universitet. Bejn l‑1996 u l‑2000, huwa reġa’ ngħaqad mal-Ministeru għall-Ġustizzja Daniż bħala kap ta’ taqsima fl-Uffiċċju tad-Dritt Kostituzzjonali u Amministrattiv.

Fl‑2001, huwa ngħaqad mal-Ministeru għall-Intern Daniż bħala kap tal-uffiċċju, li għandu l-kompitu li jikkontrolla l-legalità tad-deċiżjonijiet muniċipali fl-oqsma tal-kummerċ u tal-ambjent. Fl‑2002, huwa nħatar Direttur tas-Servizz Legali tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), funzjoni li huwa eżerċita sal‑2009 bħala rappreżentant ta’ din l-istituzzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-EFTA.

Huwa sar professur fid-dritt amministrattiv fil-Københavns Universitet fl‑2009, pożizzjoni li okkupa sal‑2017. Huwa l-awtur ta’ diversi xogħlijiet u ta’ diversi artikoli fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, tad-dritt amministrattiv u tar-regoli proċedurali tal-qrati Daniżi.

Mill‑2014 sal‑2015, u sussegwentement mill‑2017 sal‑2019, huwa kien imħallef fil-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka).

Mill‑2014 sal‑2016, huwa għamel ukoll parti mill-kumitat Daniż li għandu l-kompitu li jagħti deċiżjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ appelli f’materji ċivili u kriminali.

Mill‑2019 sal‑2024, N. Fenger okkupa l-pożizzjoni ta’ Ombudsman Parlamentari Daniż.

N. Fenger inħatar Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2024.

Titoli u distinzjonijiet onorarji
  • Ridder af 1. grad af Dannebrogordenen (Kavallier tal-Ewwel Grad tal-Ordni ta’ Dannebrog) (2021)
Andrea Biondi
Andrea Biondi
Avukat Ġenerali
Bijografija u karriera

Imwieled fl‑1965 f’Firenze (l-Italja), Andrea Biondi studja fl-Università degli Studi di Firenze (l‑Università ta’ Firenze, l-Italja), fejn kiseb master fid-dritt fl‑1990, u wara dottorat fid-dritt komparattiv fl‑1996.

Huwa beda l-karriera universitarja tiegħu fil-University College London (il-University College ta’ Londra, ir-Renju Unit) fl‑1993, imbagħad, bejn l‑1994 u l‑1997, huwa ngħaqad mal-University of Birmingham (l-Università ta’ Birmingham, ir-Renju Unit). Fl‑1997, huwa ngħaqad mal-King’s College London (il-King’s College ta’ Londra, ir-Renju Unit), fejn huwa sar professur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl‑2006, funzjonijiet li huwa eżerċita minn dak iż-żmien. Mill‑2001 sal‑2024, huwa kien ukoll direttur taċ-Ċentru tad-Dritt Ewropew fil-King’s College London.

Matul il-karriera tiegħu, A. Biondi għallem regolarment bħala professur mistieden f’universitajiet magħrufa, b’mod partikolari l-Libera Università Internazionale degli Studi Sociali Guido Carli “LUISS” (l-Università Internazzjonali tal-Istudji Soċjali Guido Carli, l-Italja), l-Università Bocconi (l-Università Bocconi, l-Italja), l-Università degli Studi di Roma “La Sapienza” (l-Università ta’ Ruma “La Sapienza”, l-Italja), il-Freie Universität Berlin (l-Università Libera ta’ Berlin, il-Ġermanja), l-université Paris II Panthéon-Assas (l-Università ta’ Pariġi II Panthéon-Assas, Franza), il-Georgetown University (l-Università ta’ Georgetown, l-Istati Uniti) u l-kampus tal-Collège d’Europe (il-Kulleġġ tal-Ewropa) f’Natolin (il-Polonja).

Fl‑2021, huwa sar Viċi President tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER).

A. Biondi ġie ammess fil-kamra tal-avukati Taljana fl‑2001 u sussegwentement ingħaqad ma’ żewġ uffiċċji ta’ avukati f’Londra bħala konsulent espert bejn l‑2003 u l‑2024.

Huwa l-awtur ta’ diversi xogħlijiet u pubblikazzjonijiet b’mod partikolari dwar id-dritt tal-Unjoni.

A. Biondi nħatar Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2024.

Affiljazzjonijiet ma’ fondazzjonijiet, organi jew stabbilimenti fl-oqsma legali, kulturali, artistiċi, soċjali, sportivi jew ta’ karità
  • Editur ġenerali tal-European Monographs Series
  • Membru tal-kumitat editorjali tal-Federalismi
  • Membru tal-kumitat editorjali tad-Diritto ed Impresa
  • Membru tal-kumitat editorjali tal-European Public Law
  • Membru tal-kumitat editorjali tal-European State Aid Law Quarterly
  • Membru tal-kumitat editorjali tal-Eurojus
  • Membru tal-kumitat editorjali tal-Papers di Diritto Europeo
  • Membru tal-kumitat editorjali ta’ La Nuova Giuridica – Florence Law Review
  • Membru tal-kumitat editorjali tal-Ordine Internazionale e Diritti Umani
  • Membru tal-kumitat editorjali tar- Rivista Italiana di Diritto Pubblico Comunitario
  • Membru tal-kumitat konsultattiv tal-United Kingdom Association for European Law
  • Membru tal- Associazione Italiana Studiosi di Diritto dell’Unione Europea
  • Membru tal-Associazione Italiana Giuristi Europei
Titoli u distinzjonijiet onorarji
  • Cavaliere dell’Ordine della Stella tar-Repubblika Taljana b’rikonoxximent tal-promozzjoni tal-prestiġju nazzjonali tal-Italja barra mill-pajjiż u tal-karriera universitarja tiegħu (2015)