Mur għall-kontenut ewlieni

DRITTIJIET TAL-ISTUDENTI

Couleur Chapitre English Red
Image Chapitre
Titre d'image Chapitre (infobulle)
Texte alternatif d'image Chapitre
Contenu

Minħabba n-numru dejjem jikber ta' studenti li jsegwu parti mill-istudji tagħhom fi Stat Membru ieħor barra minn tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha numru ta' kawżi f'dan il-qasam. B'hekk hija kellha tittratta l-kwistjonijiet segwenti: ikun hemm diskriminazzjoni kontra l-istudenti ta' Stati Membri oħra meta l-aċċess għall-universitajiet ta' Stat Membru jiġi llimitat għalihom? Stat Membru jista' jirrifjuta ċerta għajnuna lill-istudenti li tingħata minn Stati Membri oħra? U t-tfal tal- ħaddiema transkonfinali għandhom drittijiet fl-Istat Membru li fih il-ġenituri tagħhom jaħdmu?

L-aċċess għall-edukazzjoni ogħla

Fl-2004, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Belġju kien jiddiskrimina l-baċellerati ta' Stati Membri oħrajn (bħad-detenturi tal-baċellerat Franċiż jew tal-Abitur Ġermaniż), minħabba li dawn ma setgħux jaċċedu għall-edukazzjoni ogħla Belġjana fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk irriżervati għall-baċellerati Belġjani (sentenza tal-1 ta' Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-65/03). L-Awstrija kienet is-suġġett tal-istess konstatazzjoni sena iktar tard fl-2005 (sentenza tas-7 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-147/03).

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll fl-2010 li Stat Membru ma jistax, bħala prinċipju, jillimita r-reġistrazzjonijiet tal-istudenti ta' Stati Membri oħra għal ċertu taħriġ universitarju mediku, sakemm tali limitazzjoni ma tkunx iġġustifikata għal raġunijiet ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika. F'dan ir-rigward, l-Istat Membru għandu juri, bl-għajnuna ta' informazzjoni serja u konverġenti, li jkun hemm riskju ta' tnaqqis tan numru ta' gradwati lesti li jipprovdu servizzi tas-saħħa fit-territorju tiegħu (sentenza tat-13 ta' April 2010, Bressol et, C-73/08).

Il-finanzjament tal-istudji u l-għajnuna mogħtija lill-Istudenti

Stat Membru ma jistax jirrifjuta self lill-istudenti jew borża ta' studju lill-istudenti li jirrisjedu fit-territorju tiegħu u li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti biex ikunu jistgħu jirrisjedu hemm (sentenza tal-15 ta' Marzu 2005, Bidar, C-209/03). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirriżervaw l-għoti ta' dan is-self jew ta' dawn il-boroż lill-istudenti li juru ċertu grad ta' integrazzjoni fis-soċjetà tagħhom u li jkunu qed jirrisjedu b'dan il-mod għal ċertu żmien fit-territorju tagħhom. Fuq dan il-punt, fl-2008, il-Qorti tal Ġustizzja qieset li rekwiżit ta' residenza minn qabel ta' 5 snin kien konformi mad- dritt tal-Unjoni (sentenza tat-18 ta' Novembru 2008, Förster, C-158/07).

Fl-2012, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Awstrija kienet qed tiddiskrimina kontra l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħrajn, sa fejn kienu biss l-istudenti   li l-ġenituri tagħhom kienu qed jieħdu allowances familjari Awstrijaki li setgħu jibbenefikaw mit-tariffi ta' trasport imnaqqsa (sentenza tal-4 ta' Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-75/11).

Is-sitwazzjoni tat-tfal tal-ħaddiema transkonfinali

Fl-2013, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li Stat Membru (f'dan il-każ, il Lussemburgu) ma jistax jirrifjuta sistematikament boroż ta' studju lit tfal ta' ħaddiema transkonfinali, anki jekk dawn ma jkunux jirrisjedu fit-territorju tiegħu. Fil-fatt huwa biżżejjed li l-ġenituri ( jew wieħed mill-ġenituri) jaħdmu għal tul sinjifikattiv fl-Istat Membru inkwistjoni sabiex tiġi stabbilita rabta ta' konnessjoni suffiċjenti ma' dan l-Istat (sentenza tal-20 ta' Ġunju 2013, Giersch et, C-20/12).

Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li t-tfal tal-ħaddiema transkonfinali kienu qed jiġu ddiskriminati minħabba l-fatt li l-għajnuna għall-istudji barra mill pajjiż kienet irriżervata, f'dan il-pajjiż, lill-istudenti li kienu rrisjedew fit-territorju Olandiż għal mill-inqas 3 snin matul is-6 snin preċedenti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit ta' residenza kien wisq esklużiv (sentenza tal-14 ta' Ġunju 2012, Il Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-542/09).

Document