Mur għall-kontenut ewlieni



L-Arti fil-Qorti tal-Ġustizzja

L-identità Ewropea titnissel mill-iskambji u mill-arrikkiment reċiproku bejn id-diversi kulturi nazzjonali tal-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, post fejn iseħħ djalogu ta’ kuljum bejn il-kulturi ġuridiċi, tagħti importanza partikolari lill-arti, li hija patrimonju sinjifikattiv għall-kultura Ewropea.

Bis-saħħa tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni tilqa’ fi ħdanha numru ta’ xogħlijiet tal-arti li jirrappreżentaw il-patrimonju multikulturali Ewropew. Dawn ix-xogħlijiet, li ngħataw bħala donazzjoni, bħala depożitu jew bħala self, jagħmlu parti mit-tradizzjonijiet partikolari tal-Istati Membri u jikkontribwixxu għall-ħolqien, permezz tad-diversità tagħhom, ta’ “spirtu Ewropew”. Dawn ix-xogħlijiet, li huma ta’ natura differenti u li jappartjenu għal żminijiet differenti, ħafna drabi jevokaw l-ideat tal-Ewropa, tal-ġustizzja, tal-armonija, tal-kooperazzjoni u tal-paċi.

Mal-ewwel xogħlijiet – dak misluf fl-1969 minn Franza sabiex isebbaħ l-ewwel awla għas-seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u dawk ikkummissjonati mil-Lussemburgu mingħand artisti li jirrappreżentaw is-sitt pajjiżi fundaturi sabiex isebbħu l-Palazz inawgurat fl-1973 – ġew miżjuda xogħlijiet oħra mal-mogħdija taż-żmien. Il-patrimonju artistiku ospitat mill-Qorti tal-Ġustizzja jevolvi pass pass mal-istadji tal-proġett Ewropew u mal-istorja tal-istituzzjoni stess.

Il-proġett arkitettoniku eċċezzjonali tal-binjiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa post li jipprivileġja l-espożizzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet tal-arti, li joriġinaw minn madwar l-Ewropa kollha. Għal dawk li jaħdmu fl-istituzzjoni u għal dawk li jżuru l-binjiet tagħha, il-fatt li jistgħu jammiraw viżivament id-diversità ta’ dawn ix-xogħlijiet huwa xhieda tal-koeżistenza armonjuża u pluralista tad-diversi kulturi tal-Istati Membri.

Photos