Mur għall-kontenut ewlieni



Żjarat mill-bogħod – proġett edukattiv intiż għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji u postsekondarji (15 sa 18 il sena)

Permezz ta’ dan il-programm edukattiv virtwali, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha l-għan li:

  • turi l-missjoni tal-Istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni;
  • tispjega l-impatt tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej;
  • tqajjem kuxjenza fost iż-żgħażagħ dwar l-isfidi tal-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja demokratika Ewropea filwaqt li tippermettilhom jifhmu aħjar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej.

Fiex tikkonsisti ż-żjara?

Il-programm ta’ dawn iż-żjarat jitfassal skont il-bżonn, b’konsultazzjoni mad-Dipartiment taż-Żjarat. Il-viżitaturi jistgħu jibnu l-programm tagħhom mill-elementi interattivi li ġejjin:

  • Laqgħa ma’ uffiċjal għoli tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li jkollu l-istess nazzjonalità bħall-grupp. Din il-preżentazzjoni tista’, jekk meħtieġ u skont id-disponibbiltà tagħhom, tingħata minn Imħallef jew Avukat Ġenerali tal-istess nazzjonalità bħall-grupp (tul approssimattiv: 45 minuta)
  • Preżentazzjoni ta’ kawża tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li jkollha rabta mal-pajjiż ta’ oriġini tal-grupp jew mal-interess tal-viżitaturi (tul approssimattiv: 45 minuta)
  • Il-professjonijiet differenti eżerċitati fil-Qorti tal-Ġustizzja (tul approssimattiv: 30 minuta)
  • Il-multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja (tul approssimattiv: 30 minuta)

Kull element tal-programm jiġi segwiti minn sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.

Dati:

Id-Dipartiment taż-Żjarat se jagħmel ħiltu sabiex jorganizza l-laqgħa virtwali f’waħda mit-tliet dati indikati mill-organizzaturi.

Lingwa:

Ilsien il-viżitaturi (għażla ta waħda mill‑24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni).

Daqs tal-grupp:

Minimu ta’ 20 parteċipant; għal grupp ta’ iktar minn 60 parteċipant, is-sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet trid tiġi organizzata b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment taż-Żjarat.

Tul:

It-tul massimu rrakkomandat huwa ta’ sagħtejn.

Assistenza:

Il-viżitaturi għandhom ikunu assistiti minn moderatur li jitkellem bil-lingwa tal-grupp.

Sostenn edukattiv:

Id-Dipartiment taż-Żjarat ser jindika, qabel iż-żjara, sensiela ta’ dokumenti u ta’ links li jippermettu lill-għalliema jippreparaw għal-laqgħa virtwali fil-klassi.

Test tekniku:

Qabel iż-żjara, id-Dipartiment taż-Żjarat jiftiehem mal-organizzaturi dwar id-data ta’ test ta’ konnessjoni (tul approssimattiv: 10 minuti). Il-pjattaforma Webex tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tintuża għal-laqgħa virtwali. L-ebda tniżżil ta’ din l-applikazzjoni ma huwa meħtieġa mill-viżitaturi.

Kif tipparteċipa?

Iż-żjarat isiru wara reġistrazzjoni minn qabel mill-għalliema jew mill-persuni responsabbli għall-klassi interessata. Fl-istess żjara jistgħu jipparteċipaw diversi klassijiet mill-istess stabbiliment fl-istess ħin.

Jekk, bħala responsabbli ta’ klassi, inti interessat li torganizza żjara mill-bogħod, tista’ tagħmel talba lid-Dipartiment taż-Żjarat billi timla l-formola ta’ reġistrazzjoni.

Formola ta’ reġistrazzjoni

  DE | EN | FR