Mur għall-kontenut ewlieni



Ismijiet fittizji f'kawżi anonimizzati

Mill-1 ta’ Jannar 2023, il-kawżi ġodda kollha li jkunu anonimizzati u li jkunu bejn persuni fiżiċi (li mill-1 ta’ Lulju 2018 l-isem tagħhom ġie ssostitwit b’inizjali minħabba raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tad-data personali) jew li jkunu bejn persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi li isimhom ma huwiex distintiv, ser jingħataw isem fittizju permezz ta’ għodda informatika awtomatizzata. Din l-inizjattiva qiegħda tiġi implimentata sabiex jiġu identifikati b’mod iktar faċli l-kawżi anonimizzati. B’hekk ser ikun iktar faċli li wieħed jiftakar u jirreferi għal dawn il-kawżi, kemm fil-ġurisprudenza kif ukoll f’kuntesti oħra.

L-għoti ta’ ismijiet fittizji ma jikkonċernax:

  • il-kawżi għal deċiżjoni preliminari li fihom l-isem tal-persuna ġuridika jkun distintiv biżżejjed (f’dan il-każ l-isem ta’ din il-persuna ġuridika ser jintuża bħala l-isem tal-kawża);
  • ir-rikorsi diretti (il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkompli tagħti isem deskrittiv lil dawn il-kawżi, li jidher fil-parenteżi wara l-isem normali tal-kawża);
  • it-talbiet għal opinjoni;
  • l-appelli;
  • il-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali.

Dawn l-ismijiet fittizji ma jikkorrispondu għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura u lanqas, bħala regola ġenerali, għal ismijiet eżistenti. Dawn l-ismijiet ser jidhru fil-header tas-sentenza kif ukoll fuq l-ewwel paġna, wara n-numru tal-kawża.

Il-prinċipju li jiggwida l-funzjonament tal-għodda li toħloq l-ismijiet fittizji huwa li l-kliem jinqasmu f’sillabi, li mbagħad jintrabtu flimkien b’mod aleatorju sabiex jinħolqu ismijiet fittizji. Din l-għodda teżisti għal-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u ser tiġi żviluppata wkoll, jekk u meta jkun meħtieġ, għal-lingwi ta’ pajjiżi terzi.