L-Anell, li huwa binja mibnija madwar il-Palazz, jilqa’ fih l-uffiċċji tal-Imħallfin u tal-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll is-swali fejn jinżammu d-deliberazzjonijiet. Minn dan l-aspett, l-Anell huwa l-punt ċentrali tal-qorti.
L-Anell huwa mibni fuq sensiela ta’ 116-il kolonna f’għoli ta’ 10 metri.
Huwa joffri separazzjoni ċara bejn l-ispazji privati fejn titwettaq il-ħidma ta’ riflessjoni tal-Imħallfin u tal-Avukati Ġenerali u l-ispazji ddedikati għall-parti pubblika tal-attività ġudizzjarja.
Il-parti essenzjali tal-ħidma marbuta mal-missjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja titwettaq f’dan il-bini. Huwa fl-uffiċċji tagħhom li l-Imħallfin Relaturi jippreparaw l-abbozzi tas-sentenzi u li l-Avukati Ġenerali jfasslu l-konklużjonijiet tagħhom. Mingħajr interpreti u kollaboraturi, l-Imħallfin li jkunu qegħdin jisimgħu kawża jiltaqgħu f’waħda mis-swali fejn jinżammu d-deliberazzjonijiet sabiex jiddiskutu l-abbozz tas-sentenza u jistabbilixxu l-verżjoni definittiva tal-motivi tagħha.