Desiderius Erasmus Roterodamus (1466‑1536) kien teologu u filosofu u huwa meqjus bħala wieħed mill-umanisti l-kbar tar-Rinaxximent. Il-volum ta’ xogħol tiegħu, dens u eklettiku, jindirizza diversi suġġetti, bħalma huma l-pedagoġija, il-filosofija morali, reliġjuża u politika, ir-retorika, kif ukoll it-traduzzjoni. Erasmus qatta’ ħajtu jivvjaġġa madwar l-Ewropa sabiex jitgħallem dwar il-patrimonju intellettwali Grieg u Ruman, iżda wkoll sabiex jgħallem. Erasmus kiteb, “Wieħed ma jitwilidx Bniedem, iżda jsir bl-edukazzjoni u bil-kultura”. Fl-1508, Erasmus ippubblika xogħol satiriku, L’éloge de la folie, li huwa xhieda tal-indipendenza kbira tal-ħsieb tiegħu. Konvint mill-filantropija, huwa ddefenda sal-aħħar jiem ta’ ħajtu l-valuri tat-tolleranza u tal-paċi.
Bl-għażla ta’ isem Erasmus, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tfakkar il-memorja ta’ persunaġġ li xi drabi ġie ppreżentat bħala l-ewwel Ewropew li, permezz tad-diversi vjaġġi tiegħu u tal-użu tat-traduzzjoni, ikkontribwixxa sabiex jgħaqqad il-kulturi madwar ideali umanisti.
Il-binja Erasmus kienet l-ewwel estensjoni tal-Palazz tal-Qorti tal-Ġustizzja. Flimkien mal-binjiet Thomas More u Thémis, il-binja Erasmus ġiet iddisinjata mill-periti Lussemburgiżi Paul Fritsch, Jean Herr u Gilbert Huyberechts, kif ukoll mill-perit Taljan Bohdan Paczowski. Il-binja Erasmus tlestiet fl-1988, u l-Qorti Ġenerali daħlet fiha fl-1989.
Inizjalment, il-binja Erasmus kienet separata mill-Palazz u l-unika konnessjoni kienet mina ta’ 50 metru mħaffra fil-blat. Irrinnovata kompletament bejn l-2009 u l-2013, din il-binja issa hija konnessa mal-Palazz permezz tal-Gallerija u tat-taraġ il-kbir tagħha.
Miksija bi granit roża li jikkumplimenta perfettament il-kulur bronż tal-Palazz, il-binja Erasmus hija kkaratterizzata minn spazji kbar imżewqa bi btieħi interni u konnessi ma’ xulxin b’pontijiet u b’passaġġi tal-azzar u tal-ħġieġ.
Illum il-ġurnata, din il-binja tilqa’ fiha l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali, l-uffiċċji tagħhom u tliet awli għas-seduti (l-Awla Dalsgaard u l-Awla Pessoa, li l-ismijiet tagħhom jevokaw rispettivament l-ismijiet ta’ artist Daniż u ta’ poeta Portugiż, u l-Awla l-Ħamra, mibnija fl-2022), li jintużaw għas-seduti pubbliċi tal-Qorti Ġenerali.