Mur għall-kontenut ewlieni



It-torri Comenius

Filosofu u għalliem, Jan Amos Komenský, magħruf bħala “Comenius” (1592‑1670), kien l-ewwel difensur tal-edukazzjoni universali. Konvint li l-mobbiltà soċjali għall-aħjar kellha tkun ir-riżultat tal-edukazzjoni, u mhux tat-twelid, huwa ġġieled għall-ugwaljanza tal-opportunitajiet u għall-edukazzjoni għal kulħadd, mingħajr kunsiderazzjoni tal-ġid, tar-reliġjon jew tas-sess. Imfakkar bħala missier l-edukazzjoni moderna, Comenius bidel mill-qiegħ ukoll il-metodi ta’ tagħlim tal-lingwi u, b’mod partikolari, tal-Latin, il-lingwa tal-għarfien, sabiex jiffavorixxi t-tagħlim tiegħu lill-ikbar numru possibbli ta’ nies. Tradotti f’madwar ħmistax-il lingwa, il-manwali tiegħu kienu, għal iktar minn seklu, il-manwali skolastiċi l-iktar użati fl-Ewropa, u kkontribwixxew għall-firxa tal-multilingwiżmu bħala l-muftieħ tal-għarfien.

Filwaqt li tonora isem Comenius, li dar mal-Ewropa sabiex jippromwovi tagħlim tal-lingwi iktar aċċessibbli u iktar ugwali, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tenfasizza l-valuri tal-multilingwiżmu u tfakkar lil dawk kollha li jikkontribwixxu ta’ kuljum għad-difiża tal-ġid lingwistiku Ewropew.

It-torri Comenius jagħmel parti mir-raba’ estensjoni tal-Palazz.

Il-kulur lewn id-deheb tat-torri huwa dovut għax-xibka ta’ aluminju anodizzat, li sservi bħala protezzjoni kontra x-xemx. Din l-istess xibka tintuża wkoll fil-binjiet l-oħra sabiex tgħaqqad il-kumpless arkitettoniku kollu. Il-materjal metalliku jagħti, bit-tip ta’ nisġa tiegħu, bil-kwalità li tleqq tiegħu u bil-profil minsuġ tiegħu, identità unika lill-proġett.

Meta ġie inawgurat f’Diċembru 2008, flimkien mat-tewmi tiegħu, it-torri Montesquieu, it-torri Comenius kien l-ogħla binja fil-pajjiż. Is-26 sular tiegħu jilħqu għoli ta’ 103 metri, iżda llum il-ġurnata t-torri Rocca huwa ogħla.