Mur għall-kontenut ewlieni



It-torri Rocca

Giustina Rocca hija meqjusa bħala l-ewwel avukata fl-istorja. Isimha jibqa’ mfakkar fl-istorja minħabba sentenza ta’ arbitraġġ mogħtija fit-8 ta’ April 1500 fil-kuntest ta’ tilwima li l-eżitu tagħha kien tħalla f’idejha. Fil-qorti tal-Gvernatur Venezjan ta’ Trani, G. Rocca tat is-sentenza tagħha bil-lingwa vernakulari, minflok bil-Latin skont l-użanzi ta’ dak iż-żmien, bil-għan li l-pubbliku preżenti waqt l-għoti tagħha jkun jista’ jifhimha. Hija mbagħad sejħet lill-parti telliefa sabiex tħallasha l-onorarji skont l-użanza u b’hekk enfasizzat, fi żmien meta n-nisa la kellhom aċċess għall-edukazzjoni u lanqas għall-prattika tal-liġi, ir-rieda tagħha li tiġi ttrattata b’mod ugwali bħall-irġiel li kellhom tali prerogattivi.

Bl-għoti tal-isem ta’ Giustina Rocca lill-ogħla torri tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tfakkar l-importanza li hija tagħti lill-aċċessibbiltà għad-dritt u għall-ġustizzja għal kulħadd u tikkonferma, b’riflessjoni tal-ġurisprudenza tagħha stess, l-impenn tagħha favur l-ugwaljanza tal-opportunitajiet.

B’29 sular u b’għoli ta’ 118-il metru, it-torri Rocca huwa l-ogħla binja fil-Lussemburgu. Għalkemm fil-verità hija binja waħda, minn barra t-torri Rocca jidher qisu żewġ torrijiet imwaħħlin ma’ xulxin. Dan it-torri kien l-aħħar element tal-proġett li nbena u l-awturi tiegħu xtaqu jużawh sabiex jiksru l-kontinwità mibdija bit-torrijiet Comenius u Montesquieu. Għalhekk, it-torri Rocca nbena f’angolu differenti mit-tnejn l-oħra. Waħda biss miż-żewġ faċċati għandha l-istess struttura u dimensjonijiet bħat-torrijiet Comenius u Montesquieu, filwaqt li l-faċċata l-oħra hija ta’ kulur iswed u għandha elevazzjoni kemxejn ogħla. B’hekk, it-torri Rocca huwa parti integrali mis-sit attwali u joħloq djalogu arkitettoniku mal-Palazz u mat-torrijiet Comenius u Montesquieu. Il-konnessjoni bejn il-binjiet hija żgurata b’estensjoni tal-Gallerija u bil-kostruzzjoni ta’ taraġ kbir li huwa simili għal dak li jgħaqqad il-Gallerija mal-Palazz.

It-torri Rocca jibbenefika mill-iktar ċertifikazzjoni enerġetika avvanzata li hija ekwivalenti għal dik ta’ bini passiv. F’termini ta’ ħtiġijiet ta’ sħana, dawn huma 55 % inqas meta mqabbla ma’ bini ta’ riferiment u l-konsum ta’ enerġija primarja u l-emissjonijiet ta’ CO2 huma mnaqqsa b’45 %.

Bl-inawgurazzjoni tat-torri Rocca f’Settembru 2019, id-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja issa jinsabu f’kumpless immobiljari wieħed, li jiġbor fih il-membri kollha tal-persunal kif ukoll il-Membri kollha taħt l-istess saqaf.