Imwieled fl-1947 f’Ljubljana (is-Slovenja), Marko Ilešič kiseb il-lawrea fid-dritt fil-Fakultà tal-Liġi tal-Univerza v Ljubljani(l-Università ta’ Ljubljana, is-Slovenja) fl-1970, qabel ma kompla l-istudji tad-dottorat f’din l-istess università, fejn sostna t-teżi tiegħu fl-1984. Huwa kabbar il-konoxxenzi tiegħu fid-dritt ikkomparat fil-kuntest tal-programmi ta’ speċjalizzazzjoni organizzati mill-université de Strasbourg (l-Università ta’ Strasbourg, Franza) u l-Universidade de Coimbra (l-Università ta’ Coimbra, il-Portugall), imnejn ħareġ b’diploma fl-1978 u fl-1980.
Huwa beda l-karriera universitarja tiegħu fl-1970 bħala assistent fl-Univerza v Ljubljani, fejn iddedika ruħu, bħala professur, għat-tagħlim tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali u tad-dritt internazzjonali privat mill-1984 sal-2004. Huwa barra minn hekk kellu sehem attiv fit-tmexxija tal-Fakultà tal-Liġi tal-Univerza v Ljubljani, fejn assuma l-funzjonijiet ta’ viċi dekan, mill-1995 sal-2001, imbagħad dawk ta’ dekan, mill-2001 sal-2004.
Wara li għadda b’suċċess l-eżami ta’ aċċess għall-funzjonijiet ta’ ġudikant, Marko Ilešič sar imħallef, imbagħad president ta’ awla, fis-Sodišče združenega dela v Ljubljani (il-Qorti tax-Xogħol ta’ Ljubljana, is-Slovenja) mill-1975 sal-1986. Awtur ta’ pubblikazzjonijiet numerużi, ġie elett president tal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Ġuristi Sloveni fl-1993, kariga li eżerċita sal-2005.
L-interess qawwi tiegħu għad-dritt tal-isport, u b’mod partikolari dak tal-futbol, wasslu barra minn hekk jippresjedi s-Sodišče združenega dela za telesno kulturo (il-Qorti tal-Isport tas-Slovenja) mill-1978 sal-1986, iżda wkoll ipoġġi, bħala mħallef, fil-qrati tal-appell tal-Unjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol (UEFA) u tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol (FIFA). Huwa barra minn hekk assuma l-funzjonijiet ta’ ġestjoni bħala president tan-Nogometna zveza Slovenije (il-Federazzjoni Slovena tal-Futbol) mill-1985 sal-1989, tal-Federazzjoni Jugoslava tal-Futbol bejn l-1990 u l-1991, u bħala membru tal-Kumitat Eżekuttiv imbagħad bħala viċi president tal-Kumitat Olimpiku tas-Slovenja mill-1991 sal-2005.
Partikolarment marbut mal-prattika tad-dritt kummerċjali, huwa ppresjeda l-kamra ta’ arbitraġġ tal-borża ta’ Ljubljana u wettaq funzjonijiet ta’ arbitru fil-kamra tal-kummerċ tal-Jugoslavja. Huwa wara kien arbitru fil-kamra tal-kummerċ Slovena u tal-kamra internazzjonali tal-kummerċ f’Pariġi.
Imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja mill-11 ta' Mejju 2004 sal-20 ta' Ġunju 2024, id-data tal-mewt tiegħu.