Imwieled fl‑1949 f’Varsavja (il-Polonja), Marek Safjan studja fl-Uniwersytet Warszawski (l‑Università ta’ Varsavja, il-Polonja). Huwa kiseb master fid-dritt fl‑1971 u ddefenda t-teżi tad-dottorat fid-dritt tiegħu fl‑1980. Fl‑1990, ingħata minn din l-università t-titlu ta’ dottorat avvanzat fix-xjenzi legali u mbagħad, fl‑1998, dak ta’ professur titolari tad-dritt.
Kien ukoll fl-Uniwersytet Warszawski li beda l-karriera professjonali tiegħu, fejn assuma kariga ta’ għalliem tad-dritt fl‑1973 bħala assistent akkademiku fl-Istitut tad-Dritt Ċivili. Mill‑1991 sal‑1998, huwa għallem korsijiet hemmhekk bħala professur tad-dritt u serva wkoll bħala direttur fi ħdan l-Istitut tad-Dritt Ċivili. Imbagħad sar Viċi Rettur tal-università mill‑1994 sal‑1997.
Permezz ta’ numru ta’ xogħlijiet, huwa kkontribwixxa b’mod attiv għar-riċerka legali fl-oqsma tad-dritt ċivili, tad-dritt mediku u tad-dritt Ewropew, li wassluh sabiex jirrappreżenta lill-Polonja, mill‑1991 sal‑1997, fi ħdan il-Kumitat għall-Bijoetika u l-Kumitat għall-Protezzjoni tad-Data Personali tal-Kunsill tal-Ewropa. Bejn l‑1994 u l‑1998, inħatar Segretarju Ġenerali tas-sezzjoni Pollakka tal-Assoċjazzjoni Henri Capitant tal-Ħbieb tal-Kultura Legali Franċiża.
Minbarra l-attivitajiet akkademiċi tiegħu, huwa okkupa l-kariga ta’ Direttur tat-taqsima tad-dritt ċivili fl-Instytut Wymiaru Sprawiedliwości (l-Istitut tad-Dritt u tal-Ġustizzja, il-Polonja) mill‑1992 sal‑1997.
Imbagħad beda karriera ġudizzjarja fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja): maħtur imħallef fl‑1997, sar President ta’ din il-qorti fl‑1998 u okkupa l-kariga sal‑2006.
Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja mis-7 ta’ Ottubru 2009 sal-31 ta’ Jannar 2024.