Mur għall-kontenut ewlieni

IS-SENTENZI KOHLL U DECKER TAL-1998

Couleur Chapitre Maximum Green
Image Chapitre
Titre d'image Chapitre (infobulle)
Texte alternatif d'image Chapitre
Contenu

Is-sentenza Kohll: l-ebda awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa għal kura ambulatorja ppjanata fi Stat Membru ieħor

Fl-1994, R. Kohll, ċittadin Lussemburgiż, ried li bintu minuri tikseb kura minn ortodontist stabbilit fil-Ġermanja u talab l-awtorizzazzjoni mill-fond ta' assigurazzjoni għall-mard Lussemburgiż. It-talba ġiet miċħuda għar-raġuni li l-kura ma kinitx urġenti u setgħet tiġi pprovduta fil-Lussemburgu. Billi invoka l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (u mhux ir-Regolament Nru 1408/71), R. Kohll qies li huwa kellu d-dritt li bintu tiġi kkurata fil-Ġermanja mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel u li jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż lill-fond ta' assigurazzjoni għall-mard tiegħu, mhux skont it-tariffi tal-pajjiż fejn tingħata l-kura (il-Ġermanja), iżda skont it-tariffi pprattikati għal din it-tip ta' kura fil-pajjiż ta' affiljazzjoni tiegħu (il-Lussemburgu).

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kura mogħtija minn professjonist tal-kura tas- saħħa kellha titqies li hija servizz. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-ħlas, skont it-tariffi pprattikati fil-pajjiż tal-pazjent, ta' kura ambulatorja ppjanata jkun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sa fejn tali awtorizzazzjoni tiskoraġġixxi lill-persuni assigurati milli jirrikorru għall-fornituri tal-kura tas-saħħa stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li din il-leġiżlazzjoni la kienet iġġustifikata minn riskju ta' dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali u lanqas minn raġunijiet ta' saħħa pubblika (28 ta' April 1998, Kohll, C-158/96).

Is-sentenza Decker: l-ebda awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa għax-xiri, fi Stat Membru ieħor, ta' prodotti jew ta' apparati mediċi b'riċetta

Pazjent jista' jinħariġlu riċetta għal prodotti mediċinali jew għal apparati mediċi minn tabib stabbilit fi Stat Membru, u jista' jiddeċiedi li jixtri l-prodotti fi spiżerija li tinsab fi Stat Membru ieħor (kemm jekk imur jixtrihom fiżikament jew permezz ta' xiri b'korrispondenza). Dan kien il-każ ta' N. Decker li, fl-1992, xtara nuċċali fil- Belġju b'riċetta minn oftalmologu stabbilit fil- Lussemburgu. Il-fond ta' assigurazzjoni għall-mard Lussemburgiż irrifjuta li jirrimborsa n-nuċċali, għar-raġuni li kien inxtara barra mill-pajjiż mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rifjut ta' rimbors ta' prodotti mediċi mixtrija, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi ostakolu mhux iġġustifikat għall-moviment liberu tal-merkanzija, sa fejn tali rekwiżit ma huwiex iġġustifikat minn raġunijiet ta' saħħa pubblika sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-prodotti mediċi pprovduti fi Stati Membri oħra. Minn dak iż-żmien, pazjenti jistgħu jixtru, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, prodotti jew apparati mediċi fi Stat Membru, u jitolbu r-rimbors tagħhom lill-fond ta' assigurazzjoni għall-mard tagħhom skont it-tariffi pprattikati f'pajjiżhom (28 ta' April 1998, Decker, C-120/95).

Document